Artikolu 12
UE Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data
"Informazzjoni, komunikazzjoni u modalitajiet trasparenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data"


=> raġuni: 58, 59
=> administrative fine: Art. 83 (5) lit b
1. Il-kontrollur għandu jieħu miżuri adatti biex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14 u kwalunkwe komunikazzjoni skont l-Artikoli 15 sa 22 u 34 relatata mal-ipproċessar lis-suġġett tad-data f'forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta' lingwaġġ ċar u sempliċi, b'mod partikolari għal kwalunkwe informazzjoni indirizzata speċifikament lil minorenni. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta bil-miktub, jew b'mezzi oħra, inkluż, fejn xieraq, b'mezzi elettroniċi. Meta tintalab mis-suġġett tad-data, l-informazzjoni tista' tingħata bil-fomm dment li tingħata prova tal-identità tas-suġġett tad-data b'mezzi oħra.
=> raġuni: 58, 59
2. Il-kontrollur għandu jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont l-Artikoli 15 sa 22. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 11(1), il-kontrollur ma għandux jirrifjuta li jieħu azzjoni fuq it-talba tas-suġġett tad-data biex jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont l-Artikoli 15 sa 22, ħlief jekk il-kontrollur juri li huwa ma jkunx f'pożizzjoni li jidentifika s-suġġett tad-data.
3. Il-kontrollur għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-azzjoni meħuda fuq talba skont l-Artikoli 15 sa 22 lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ, fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż b' xahrejn oħra fejn meħtieġ, b'kont dovut tal-kumplessità u n-numru ta' talbiet. Il-kontrollur għandu jinforma s-suġġett tad-data dwar kwalunkwe estensjoni fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba, flimkien mar-raġunijiet għad-dewmien. Fejn is-suġġett tad-data jagħmel it-talba b'mezzi f'forma elettronika, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta b'mezzi elettroniċi, fejn ikun possibbli, sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor mis-suġġett tad-data.
4. Jekk il-kontrollur ma jiħux azzjoni fuq it-talba tas-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jinforma lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn xahar minn meta jirċievi t-talba bir-raġunijiet għalfejn ma jkunx ħa azzjoni u dwar il-possibbiltà li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja u li jitfittex rimedju ġudizzjarju.
5. L-informazzjoni pprovduta skont l-Artikoli 13 u 14 u kwalunkwe komunikazzjoni u kwalunkwe azzjoni skont l-Artikoli 15 sa 22 u 34 għandhom jingħataw mingħajr ħlas. Fejn it-talbiet minn suġġett tad-data jkunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, b'mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, il-kontrollur jista' jew:
(a) jimponi ħlas raġonevoli waqt li jqis l-ispejjeż amministrattivi talli jipprovdi l-informazzjoni jew il-komunikazzjoni jew talli jieħu l-azzjoni mitluba; jew
(b) jirrifjuta li jieħu azzjoni fuq it-talba.
Il-kontrollur għandu jerfa' r-responsabbiltà li juri n-natura manifestament mingħajr bażi jew eċċessiva tat-talba.
6. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11, fejn il-kontrollur ikollu dubji raġonevoli dwar l-identità tal-persuna fiżika li tagħmel it-talba msemmija fl-Artikoli 15 sa 21, il-kontrollur jista' jitlob li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex tiġi kkonfermata l-identità tas-suġġett tad-data.
7. L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data skont l-Artikolu 13 u 14 tista' tingħata flimkien ma' ikoni standardizzati sabiex tingħata ħarsa ġenerali lejn l-ipproċessar intenzjonat b'mod li jidher faċilment, li jinftiehem u li jinqara sew. Fejn l-ikoni jkunu ppreżentati b'mod elettroniku, dawn għandhom ikunu jistgħu jinqraw minn magna.
8. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 92 għall-finijiet li tiddetermina l-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata permezz tal-ikoni u l-proċeduri għall-għoti ta' ikoni standardizzati.


back next
BG - CS - DA - DE - EL - EN - ES - ET - FI - FR - GA - HR - HU - IT - LT - LV - MT - NL - PL - PT - RO - SK - SL - SV

Möchten Sie als externe(r) Datenschutzbeauftragte(r) die Verordnung in der Praxis umsetzen? Dann werden Sie Lizenznehmer bei DSB-MIT-SYSTEM® und nutzen Sie unser Knowhow.Als Lizenznehmer können Sie den Verordnungstext hier kommentieren und dies in der Gruppe teilen. Auch das über 600-seitige und monatlich aktualisierte Praxishandbuch TOM-Guide® steht Ihnen (und Ihren Kunden) dann exklusiv zur Verfügung.

© SecureDataService, Nicholas Vollmer, Priorstr. 63, D-41189 Mönchengladbach, Germany, +49 2166 310932, regulation@securedataservice.de, www.securedataservice.de (siehe Impressum / Datenschutz) (06.12.2016)