raġuni 39
UE Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data

(39) Kwalunkwe pproċessar ta' data personali għandu jkun legali u ġust. Għandu jkun trasparenti għall-persuni fiżiċi li fir-rigward tagħhom qiegħda tinġabar, tintuża, tiġi kkonsultata jew b'xi mod ieħor ipproċessata data personali u l-punt sa fejn id-data personali qiegħda tiġi pproċessata jew ser tiġi pproċessata. Il-prinċipju tat-trasparenza jeħtieġ li kwalunkwe informazzjoni u komunikazzjoni marbuta mal-ipproċessar ta' dik id-data personali tkun aċċessibbli faċilment u li tinftiehem faċilment, u li jintuża lingwaġġ ċar u sempliċi. Dak il-prinċipju jikkonċerna, b'mod partikolari, l-informazzjoni tas-suġġetti tad-data dwar l-identità tal-kontrollur u l-finijiet tal-ipproċessar u informazzjoni ulterjuri biex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti fir-rigward tal-persuni fiżiċi kkonċernati u d-dritt tagħhom li jiksbu konferma u komunikazzjoni tad-data personali li tikkonċernahom u li tkun qiegħda tiġi pproċessata. Għandha tinġibed l-attenzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tar-riskji, ir-regoli, is-salvagwardji u d-drittijiet b'rabta mal-ipproċessar ta' data personali u kif għandhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'rabta ma' tali pproċessar. B'mod partikolari, il-finijiet speċifiċi li għalihom tiġi pproċessata data personali għandhom ikunu espliċiti u leġittimi u stabbiliti fil-mument meta tinġabar id-data personali. Id-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti u limitata għal dak li huwa neċessarju għall-finijiet li għalihom hija tkun qiegħda tiġi pproċessata. Dan jeħtieġ, b'mod partikolari, li jiġi żgurat li l-perijodu li matulu tinħażen id-data personali jkun limitat strettament għall-inqas possibbli. Id-data personali għandha tkun ipproċessata biss jekk il-fini tal-ipproċessar ma jkunx jista' jintlaħaq mod ieħor b'mod raġonevoli. Sabiex ikun żgurat li d-data personali ma tinżammx għal aktar żmien minn kemm meħtieġ, il-kontrollur għandu jistabbilixxi limiti ta' żmien għat-tħassir jew għal eżami perjodiku. Għandu jittieħed kull pass raġonevoli sabiex ikun żgurat li data personali li ma tkunx preċiża tiġi rettifikata jew titħassar. Id-data personali għandha tiġi pproċessata b'mod li jiżgura sigurtà u kunfidenzjalità adatti tad-data personali, inkluż għall-prevenzjoni ta' aċċess mhux awtorizzat għad-data personali u t-tagħmir użat għall-ipproċessar jew l-użu tagħhom.

NEW: The practical guide PrivazyPlan® explains all dataprotection obligations and helps you to be compliant. Click here!