raġuni 19
UE Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data

(19) Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali minn awtoritajiet kompetenti għall-għanijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika u l-moviment liberu ta' tali data, hija s-suġġett ta' att legali speċifiku tal-Unjoni. Dan ir-Regolament m'għandux, għalhekk, japplika għall-attivitajiet ta' pproċessar għal dawk l-għanijiet. Madanakollu, id-data personali pproċessata mill-awtoritajiet pubbliċi skont dan ir-Regolament meta tintuża għal dawk l-għanijiet għandha tkun regolata minn att legali aktar speċifiku tal-Unjoni jiġifieri d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). L-Istati Membri jistgħu jinkarigaw awtoritajiet kompetenti fis-sens tad-Direttiva (UE) 2016/680 b'kompiti li mhumiex neċessarjament imwettqa għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika, sabiex l-ipproċessar tad-data personali għal dawk il-finijiet l-oħra, sa fejn dan huwa fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali minn dawk l-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi biex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli ta' dan ir-Regolament. Tali dispożizzjonijiet jistgħu jiddeterminaw b'mod aktar preċiż rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar ta' data personali minn dawk l-awtoritajiet kompetenti għal dawk il-finijiet l-oħra, filwaqt li jittieħed kont tal-istruttura kostituzzjonali, organizzattiva u amministrattiva tal-Istat Membru rispettiv. Meta l-ipproċessar ta' data personali minn korpi privati jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-possibbiltà li taħt kondizzjonijiet speċifiċi l-Istati Membri jirrestrinġu bil-liġi ċerti obbligi u drittijiet meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika biex jiġu ssalvagwardjati interessi importanti speċifiċi inkluż is-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika. Dan hu rilevanti pereżempju fil-qafas tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew l-attivitajiet tal-laboratorji forensiċi.

NEW: The practical guide PrivazyPlan® explains all dataprotection obligations and helps you to be compliant. Click here!