raġuni 143
UE Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data

(143) Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika għandha d-dritt tagħmel rikors għall-annullament ta' deċiżjonijiet tal-Bord quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 263 tat-TFUE. Bħala destinatarji ta' tali deċiżjonijiet, l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati li jixtiequ jikkontestawhom, iridu jagħmlu rikors fi żmien xahrejn minn meta jiġu avżati dwarhom, skont l- Artikolu 263 tat-TFUE. Fejn id-deċiżjonijiet tal-Bord huma ta' interess dirett u individwali għal kontrollur, proċessur jew min jagħmel l-ilment, dan tal-aħħar jista' jagħmel rikors għal annullament kontra dawn id-deċiżjonijiet fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tagħhom fuq is-sit tal-internet tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, skont l-Artikolu 263 tat-TFUE. Mingħajr preġudizzju għal dan id-dritt skont l-Artikolu 263 tat-TFUE, kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti kontra deċiżjoni ta' awtorità superviżorja li tipproduċi effetti legali fir-rigward ta' dik il-persuna. Tali deċiżjoni tikkonċerna b'mod partikolari t-tħaddim ta' setgħat investigattivi, korrettivi u ta' awtorizzazzjoni mill-awtorità superviżorja jew iċ-ċaħda jew ir-rifjut ta' ilmenti. Madankollu, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv ma jinkludix miżuri meħudin minn awtoritajiet superviżorji li mhumiex legalment vinkolanti, bħal opinjonijiet maħruġa jew pariri pprovduti mill-awtorità superviżorja. Il-proċedimenti kontra awtorità superviżorja għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-awtorità superviżorja u għandhom jitwettqu skont il-liġi proċedurali ta' dak l-Istat Membru. Dawk il-qrati għandhom iħaddmu l-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha tinkludi ġurisdizzjoni biex jiġu eżaminati l-kwistjonijiet kollha ta' fatt u ta' liġi rilevanti għat-tilwim li jitressaq quddiemhom. Fejn ilment ikun ġie miċħud jew irrifjutat minn awtorità superviżorja, min jagħmel l-ilment jista' jibda proċedimenti quddiem il-qrati fl-istess Stat Membru. Fil-kuntest ta' rimedji ġudizzjarji li għandhom x'jaqsmu mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-qrati nazzjonali li jqisu li tinħtieġ deċiżjoni dwar il-kwistjoni biex ikunu jistgħu jagħtu sentenza, jistgħu, jew fil-każ previst fl-Artikolu 267 tat-TFUE, iridu, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni inkluż dan ir-Regolament. Barra minn hekk, fejn deċiżjoni ta' awtorità superviżjorja li timplimenta deċiżjoni tal-Bord tiġi kkontestata quddiem qorti nazzjonali u l-validità tad-deċiżjoni tal-Bord tkun inkwistjoni, dik il-qorti nazzjonali ma għandhiex is-setgħa li tiddikjara d-deċiżjoni tal-Bord bħala invalida iżda trid tirreferi l-kwistjoni tal-validità lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 tat-TFUE kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, fejn tqis id-deċiżjoni invalida. Madankollu, qorti nazzjonali ma tistax tirreferi kwistjoni dwar il-validità tad-deċiżjoni tal-Bord fuq it-talba ta' persuna fiżika jew ġuridika li kellha l-opportunità li tagħmel rikors għal annullament ta' dik id-deċiżjoni, b'mod partikolari jekk kienet direttament u individwalment ikkonċernata minn dik id-deċiżjoni, iżda ma kinitx għamlet dan fil-perjodu stipulat fl-Artikolu 263 tat-TFUE.

NEW: The practical guide PrivazyPlan® explains all dataprotection obligations and helps you to be compliant. Click here!