raġuni 108
UE Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data

(108) Fin-nuqqas ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza, il-kontrollur jew il-proċessur għandu jieħu miżuri sabiex jikkumpensa għan-nuqqas ta' protezzjoni tad-data f'pajjiż terz permezz ta' salvagwardji adatti għas-suġġett tad-data. Tali salvagwardji adatti jistgħu jikkonsistu mill-użu ta' regoli korporattivi vinkolanti, klawżoli standard dwar il-protezzjoni tad-data adottati mill-Kummissjoni, klawżoli standard dwar il-protezzjoni tad-data adottati minn awtorità superviżorja jew klawżoli kuntrattwali awtorizzati minn awtorità superviżorja. Dawk is-salvagwardji għandhom jiżguraw konformità mar-rekwiżiti għall-protezzjoni tad-data u d-drittijiet tas-suġġetti tad-data adatti għall-ipproċessar fl-Unjoni, inkluż id-disponibbiltà tad-drittijiet eżegwibbli tas-suġġett tad-data u tar-rimedji legali effettivi, inkluż id-dritt li jinkiseb rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju effettiv u li jintalab kumpens, fl-Unjoni jew f'pajjiż terz. B'mod partikolari, għandhom jirrigwardaw il-konformità mal-prinċipji ġenerali dwar l-ipproċessar tad-data personali, il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u b'mod awtomatiku. Jistgħu jsiru trasferimenti wkoll mill-awtoritajiet jew mill-korpi pubbliċi ma' awtoritajiet jew korpi pubbliċi f'pajjiżi terzi jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali b'doveri jew funzjonijiet korrispondenti, inkluż abbażi ta' dispożizzjonijiet li jiddaħħlu f'arranġamenti amministrattivi, bħal memorandum ta' qbil, u jkunu previsti drittijiet infurzabbli u effettivi għas-suġġetti tad-data. L-awtorizzazzjoni mill-awtorità superviżorja kompetenti għandha tinkiseb meta jkun hemm provvediment għas-salvagwardji f'arranġamenti amministrattivi li ma jkunux legalment vinkolanti.

NEW: The practical guide PrivazyPlan® explains all dataprotection obligations and helps you to be compliant. Click here!