raġuni 71
UE Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data

(71) Is-suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li ma jkunx soġġett għal deċiżjoni, li tista' tinkludi miżura, li tevalwa aspetti personali relatati miegħu li hija bbażata unikament fuq ipproċessar awtomatizzat u li tipproduċi effetti legali li jikkonċernaw lilu jew li taffettwah b'mod ugwalment sinifikanti, bħal rifjut awtomatiku ta' applikazzjoni għal kreditu online jew prattiki ta' reklutaġġ elettroniku mingħajr l-ebda intervent tal-bniedem. Tali pproċessar jinkludi "tfassil ta' profili" li jikkonsisti fi kwalunkwe forma ta' pproċessar awtomatizzat ta' data personali li tevalwa l-aspetti personali relatati ma' persuna fiżika, b'mod partikolari biex jiġu analizzati jew imbassrin aspetti li jikkonċernaw il-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, il-preferenzi jew l-interessi personali, l-affidabbiltà jew l-imġiba, il-lokalizzazzjoni jew il-movimenti tas-suġġett tad-data, fejn dan jipproduċi effetti legali li jikkonċernaw lilu jew jaffettwah b'mod ugwalment sinifikanti. Madankollu, it-teħid ta' deċiżjonijiet ibbażat fuq tali pproċessar, inkluż it-tfassil ta' profili, għandu jkun permess fejn dan ikun espressament awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur, inkluż għal monitoraġġ ta' frodi u evażjoni ta' taxxa u għanijiet preventivi li jsiru f'konformità mar-regolamenti, l-istandards u r-rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew il-korpi ta' sorveljanza nazzjonali u biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-affidabbiltà ta' servizz ipprovdut mill-kontrollur, jew meħtieġ biex wieħed jidħol f'kuntratt jew jeżegwixxi kuntratt bejn is-suġġett tad-data u kontrollur, jew meta s-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens espliċitu tiegħu. Fi kwalunkwe każ, dan l-ipproċessar għandu jkun soġġett għal salvagwardji adatti, li għandhom jinkludu informazzjoni speċifika dwar is-suġġett tad-data u d-dritt li dan jikseb intervent uman, id-dritt li jesprimi l-fehma tiegħu, id-dritt li jikseb spjegazzjoni tad-deċiżjoni li tkun ittieħdet wara tali valutazzjoni u d-dritt li jikkontesta d-deċiżjoni. Tali miżura m'għandhiex tikkonċerna tfal. Sabiex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi u l-kuntest li fih tiġi pproċessata d-data personali, il-kontrollur għandu juża proċeduri matematiċi jew statistiċi adegwati għat-teħid ta' profili, jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiġi żgurat, b'mod partikolari, li fatturi li jirriżultaw f'ineżattezzi fid-data personali jiġu kkoreġuti u jitnaqqas ir-riskju ta' żbalji, jiżgura d-data personali f'mod li jieħu kont tar-riskji potenzjali involuti għall-interessi u d-drittijiet tas-suġġett tad-data u li jipprevjeni, fost oħrajn, effetti diskriminatorji fuq persuni fiżiċi abbażi tar-razza jew oriġini etnika, opinjoni politika, reliġjon jew twemmin, sħubija fi trade union, stat ġenetiku jew tas-saħħa jew orjentazzjoni sesswali, jew li jirriżulta f'miżuri li jkollhom dan l-effett. It-teħid ta' deċiżjonijiet u t-teħid ta' profili b'mod awtomatizzat ibbażati fuq kategoriji speċjali ta' data personali għandhom ikunu permessi biss taħt kondizzjonijiet speċifiċi.

NEW: The practical guide PrivazyPlan® explains all dataprotection obligations and helps you to be compliant. Click here!