raġuni 65
UE Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data

(65) Suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jkollu data personali li tirrigwardaha rettifikata u "dritt li jintnesa" fejn iż-żamma ta' tali data tikser dan ir-Regolament jew il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li jkun soġġett għaliha l-kontrollur. B'mod partikolari, suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li d-data personali tiegħu titħassar u ma tiġix ipproċessata aktar, fejn id-data ma tibqax meħtieġa fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tinġabar jew inkella tiġi pproċessata, fejn suġġett tad-data jkun irtira il-kunsens tiegħu jew joġġezzjona għall-ipproċessar ta' data personali li tirrigwardah jew inkella fejn l-ipproċessar tad-data personali tiegħu ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament. Dak id-dritt huwa rilevanti b'mod partikolari, fejn is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu meta kien tfal u, mhuwiex għal kollox konxju mir-riskji involuti fl-ipproċessar, u aktar tard ikun jixtieq ineħħi din id-data personali, b'mod speċjali fuq l-internet. Is-suġġett tad-data għandu jkun jista' jeżerċita dak id-dritt minkejja l-fatt li huwa m'għadux tifel jew tifla. Madankollu, iż-żamma ulterjuri tad-data personali għandha tkun legali fejn tkun meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni, għall-konformità ma' obbligu legali, għat-twettiq ta' kompitu mwettaq fl-interess tal-pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur, għal raġunijiet ta' interess pubbliku fil-qasam tas-saħħa pubblika, għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika, jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali.

NEW: The practical guide PrivazyPlan® explains all dataprotection obligations and helps you to be compliant. Click here!