raġuni 50
UE Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data

(50) L-ipproċessar ta' data personali għal finijiet oħra minbarra dawk li għalihom id-data personali tkun inġabret inizjalment għandu jkun permess biss fejn l-ipproċessar ikun kompatibbli mal-finijiet li għalihom id-data personali tkun inġabret inizjalment. F'tali każ ma tkun meħtieġa l-ebda bażi għajr dik li tkun ippermettiet il-ġbir tad-data personali. Jekk l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-prestazzjoni ta' kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur, il-liġi tal-Unjoni jew tal-Istat Membru tista' tiddetermina u tispeċifika l-kompiti u l-finijiet li għalihom l-ipproċessar ulterjuri għandu jitqies bħala kompatibbli u legali. L-ipproċessar ulterjuri għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika għandu jitqies bħala operazzjoni ta' pproċessar legali kompatibbli. Il-bażi legali pprovduta mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru għall-ipproċessar ta' data personali tista' tipprovdi wkoll bażi legali għall-ipproċessar ulterjuri. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-fini tal-ipproċessar ulterjuri jkunx kompatibbli mal-fini li għalih id-data personali tkun inġabret inizjalment, il-kontrollur, wara li jkun issodisfa r-rekwiżiti kollha għal-legalità tal-ipproċessar oriġinali, għandu jieħu kont fost oħrajn ta' kwalunkwe rabta bejn dawk il-finijiet u l-finijiet tal-ipproċessar ulterjuri intenzjonat, il-kuntest li fih id-data personali tkun inġabret, b'mod partikolari l-aspettattivi raġonevoli tas-suġġetti tad-data abbażi tar-relazzjoni tagħhom mal-kontrollur rigward l-użu ulterjuri tagħha, in-natura tad-data personali, il-konsegwenzi tal-ipproċessar ulterjuri intenzjonat għas-suġġetti tad-data, u l-eżistenza ta' salvagwardji adatti kemm fl-operazzjoni tal-ipproċessar oriġinali kif ukoll f'dik tal-ipproċessar ulterjuri intenzjonat. Fejn is-suġġett tad-data jkun ta kunsens jew l-ipproċessar ikun bbażat fuq il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f'soċjetà demokratika biex jiġu salvagwardati, b'mod partikolari, objettivi importanti ta' interess pubbliku ġenerali, il-kontrollur għandu jkun jista' jwettaq ipproċessar ulterjuri tad-data personali irrispettivament mill-kompatibbiltà tal-għanijiet. Fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti f'dan ir-Regolament u b'mod partikolari l-għoti ta' informazzjoni lis-suġġett tad-data dwar dawk il-finijiet l-oħra u dwar id-drittijiet tiegħu jew tagħha, inkluż id-dritt li joġġezzjona, għandhom ikunu żgurati. L-indikar tal-possibbiltà ta' atti kriminali jew theddid għas-sigurtà pubblika mill-kontrollur u t-trażmissjoni tad-data personali rilevanti f'każijiet individwali jew f'diversi każijiet b'rabta mal-istess att kriminali jew theddid għas-sigurtà pubblika lil awtorità kompetenti għandhom jitqiesu bħala li huma fl-interess leġittimu mfittex mill-kontrollur. Madankollu, tali trażmissjoni fl-interess leġittimu tal-kontrollur jew l-ipproċessar ulterjuri ta' data personali għandhom ikunu projbiti jekk l-ipproċessar ma jkunx kompatibbli ma' obbligu ta' segretezza legali, professjonali jew obbligu vinkolanti ieħor ta' segretezza.
=> Artikolu: 6

NEW: The practical guide PrivazyPlan® explains all dataprotection obligations and helps you to be compliant. Click here!