raġuni 36
UE Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data

(36) L-istabbiliment ewlieni ta' kontrollur fl-Unjoni għandu jkun il-post tal-amministrazzjoni ċentrali tiegħu fl-Unjoni, għajr jekk id-deċiżjonijiet dwar il-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta' data personali jittieħdu fi stabbiliment ieħor tal-kontrollur fl-Unjoni, u f'dan il-każ, l-istabbiliment l-ieħor għandu jitqies bħala l-istabbiliment ewlieni. L-istabbiliment ewlieni ta' kontrollur fl-Unjoni għandu jkun stabbilit skont kriterji oġġettivi u għandu jimplika l-eżerċizzju effettiv u reali ta' attivitajiet ta' ġestjoni li jiddeterminaw id-deċiżjonijiet ewlenin dwar il-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar permezz ta' arranġamenti stabbli. Dak il-kriterju ma għandux jiddependi minn jekk l-ipproċessar ta' data personali jitwettaqx f'dak il-post. Il-preżenza u l-użu ta' mezzi tekniċi u teknoloġiji għall-ipproċessar ta' data personali jew l-ipproċessar ta' attivitajiet, minnhom infushom, ma jikkostitwixxux stabbiliment ewlieni u għaldaqstant mhumiex kriterju determinanti għal stabbiliment ewlieni. L-istabbiliment ewlieni tal-proċessur għandu jkun il-post fejn tinsab l-amministrazzjoni ċentrali tiegħu fl-Unjoni jew, jekk ma għandux amministrazzjoni ċentrali fl-Unjoni, il-post fejn iseħħu l-attivitajiet ta' pproċessar ewlenin fl-Unjoni. F'każijiet li jinvolvu kemm il-kontrollur kif ukoll il-proċessur, l-awtorità superviżorja ewlenija kompetenti għandha tibqa' l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru fejn il-kontrollur ikollu l-istabbiliment ewlieni tiegħu iżda l-awtorità superviżorja tal-proċessur għandha titqies bħala awtorità superviżorja kkonċernata u dik l-awtorità superviżorja għandha tipparteċipa fil-proċedura ta' kooperazzjoni prevista minn dan ir-Regolament. Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru jew l-Istati Membri fejn il-proċessur ikollu stabbiliment wieħed jew aktar m'għandhomx jitqiesu bħala awtoritajiet superviżorji kkonċernati fejn l-abbozz ta' deċiżjoni jikkonċerna biss lill-kontrollur. Fejn l-ipproċessar jitwettaq minn grupp ta' impriżi, l-istabbiliment ewlieni tal-impriża li tikkontrolla għandu jitqies bħala l-istabbiliment ewlieni tal-grupp ta' impriżi, għajr fejn il-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar jiġu ddeterminati minn impriża oħra.

NEW: The practical guide PrivazyPlan® explains all dataprotection obligations and helps you to be compliant. Click here!