raġuni 23
UE Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data

(23) Sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi ma jinċaħdux mill-protezzjoni li għandhom dritt għaliha skont dan ir-Regolament, l-ipproċessar ta' data personali ta' suġġetti tad-data li jinsabu fl-Unjoni minn kontrollur jew proċessur mhux stabbilit fl-Unjoni, għandu jkun soġġett għal dan ir-Regolament fejn l-attivitajiet ta' pproċessar ikunu relatati mal-offerta ta' prodotti jew servizzi lil dawn is-suġġetti tad-data irrispettivament minn jekk dawn ikunux marbutin ma' ħlas jew le. Sabiex jiġi determinat jekk tali kontrollur jew proċessur ikunx qiegħed joffri prodotti jew servizzi lil suġġetti tad-data li jinsabu fl-Unjoni, għandu jiġi aċċertat jekk ikunx jidher li l-kontrollur jew proċessur ikun qiegħed jipprevedi li joffri servizzi lil suġġetti tad-data fi Stat Membru wieħed jew aktar fl-Unjoni. Filwaqt li s-sempliċi aċċessibbiltà għas-sit elettroniku tal-kontrollur, tal-proċessur jew ta' intermedjarju fl-Unjoni, jew għall-indirizz elettroniku jew għad-dettalji ta' kuntatt oħrajn, jew l-użu ta' lingwa użata b'mod ġenerali fil-pajjiż terz fejn ikun stabbilit il-kontrollur, mhijiex biżżejjed biex tiġi aċċertata tali intenzjoni, fatturi bħall-użu ta' lingwa jew munita użati b'mod ġenerali fi Stat Membru wieħed jew aktar bil-possibbiltà li jiġu ordnati prodotti u servizzi f'dik il-lingwa, jew ir-referenza għal klijenti jew utenti li jinsabu fl-Unjoni, jistgħu juru li l-kontrollur biħsiebu joffri prodotti jew servizzi lil suġġetti tad-data fl-Unjoni.

NEW: The practical guide PrivazyPlan® explains all dataprotection obligations and helps you to be compliant. Click here!