raġuni 146
UE Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data

(146) Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jikkumpensa għal kwalunkwe dannu li tista' ssofri persuna b'riżultat ta' pproċessar li jikser dan ir-Regolament. Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jiġi eżentat mir-responsabbiltà jekk iġib provi li huwa mhuwiex responsabbli bl-ebda mod għad-dannu. Il-kunċett ta' dannu għandu jiġi interpretat b'mod wiesa' fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja b'mod li jissodisfa b'mod sħiħ l-objettivi ta' dan ir-Regolament. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe talba għal kumpens għal danni li tirriżulta minn ksur ta' regoli oħra fil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru. L-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament jinkludi wkoll l-ipproċessar li ma jkunx f'konformità mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati f'konformità ma' dan ir-Regolament u l-liġi tal-Istat Membru li jispeċifikaw ir-regoli ta' dan ir-Regolament. Is-suġġetti tad-data għandhom jirċievu kumpens sħiħ u effettiv għad-dannu li jkunu ġarrbu. Fejn il-kontrolluri jew il-proċessuri jiġu involuti fl-istess ipproċessar, kull kontrollur jew proċessur għandu jkun responsabbli għad-dannu kollu. Madankollu, fejn ikunu magħquda fl-istess proċedimenti ġudizzjarji, f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru, il-kumpens jista' jitqassam skont ir-responsabbiltà ta' kull kontrollur jew proċessur għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar, dment li jiġi żgurat il-kumpens sħiħ u effettiv tas-suġġett tad-data li ġarrab id-dannu. Kwalunkwe kontrollur jew proċessur li jkun ħallas kumpens sħiħ sussegwentement jista' jibda proċedimenti ta' rikors kontra kontrolluri jew proċessuri oħra involuti fl-istess ipproċessar.

NEW: The practical guide PrivazyPlan® explains all dataprotection obligations and helps you to be compliant. Click here!