raġuni 129
UE Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data

(129) Sabiex jiġu żgurati monitoraġġ u infurzar konsistenti ta' dan ir-Regolament kullimkien fl-Unjoni, f'kull wieħed mill-Istati Membri, l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom l-istess kompiti u setgħat effettivi, inklużi setgħat investigattivi, setgħat korrettivi u sanzjonijiet, u setgħat ta' awtorizzazzjoni u konsultattivi, b'mod partikolari f'każijiet ta' ilmenti minn persuni fiżiċi, u mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni taħt il-liġi tal-Istat Membru, biex iressqu l-ksur ta' dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament għall-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji u jidħlu fi proċedimenti legali. Dawn is-setgħat għandhom jinkludu wkoll is-setgħa li tiġi imposta limitazzjoni temporanja jew definittiva, inkluża projbizzjoni, fuq l-ipproċessar. L-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw kompiti oħra relatati mal-protezzjoni ta' data personali skont dan ir-Regolament. Is-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji għandhom jiġu eżerċitati f'konformità ma' salvagwardji proċedurali xierqa stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u fil-liġijiet tal-Istati Membri, b'mod imparzjali, ġust u fil-mument opportun. B'mod partikolari, kull miżura għandha tkun xierqa, meħtieġa u proporzjonata sabiex tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali, ir-rispett tad-dritt ta' kull persuna li tinstema' qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha ħażin u biex jiġu evitati spejjeż żejda u inkonvenjenzi eċċessivi għall-persuni kkonċernati. Is-setgħat investigattivi rigward l-aċċess għall-bini għandhom jitħaddmu f'konformità ma' rekwiżiti speċifiċi fil-liġi proċedurali tal-Istat Membru, bħalma huwa r-rekwiżit li tinkiseb awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel. Kull miżura legalment vinkolanti tal-awtorità superviżorja għandha tkun bil-miktub, ċara u mhux ambigwa, għandha tindika l-awtorità superviżorja li tkun ħarġet l-miżura, id-data tal-ħruġ tal-miżura, għandha tkun iffirmata mill-kap, jew membru tal-awtorità superviżorja awtorizzata minnu jew minnha, għandha tagħti r-raġunijiet għall-miżura, u tirreferi għad-dritt għal rimedju effettiv. Dan ma għandux jipprekludi rekwiżiti addizzjonali skont il-liġi proċedurali tal-Istat Membru. L-adozzjoni ta' deċiżjoni legalment vinkolanti timplika li din tista' tagħti lok għal stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li adottat id-deċiżjoni.


back  next
BG - CS - DA - DE - EL - EN - ES - ET - FI - FR - GA - HR - HU - IT - LT - LV - MT - NL - PL - PT - RO - SK - SL - SV

Would you like to implement the EU General Data Protection Regulation step-by-step? Do you want clear explanations of specific issues and well-thought-out checklists? Do you want to ensure you are data-protection-compliant? If so the PrivazyPlan® is just what you are looking for.

© SecureDataService, Nicholas Vollmer, Priorstr. 63, D-41189 Mönchengladbach, Germany, +49 2166 96523-38, info@privazyplan.eu (siehe Impressum / Datenschutz) (05.09.2018)