raġuni 127
UE Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data

(127) Kull awtorità superviżorja li ma tkunx qed taġixxi bħala l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tkun kompetenti li tittratta każijiet lokali fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikun stabbilit f'aktar minn Stat Membru wieħed, iżda s-suġġett tal-ipproċessar speċifiku jikkonċerna biss l-ipproċessar li jsir fi Stat Membru uniku u jinvolvi biss is-suġġetti tad-data f'dak l-Istat Membru uniku, pereżempju, fejn is-suġġett jikkonċerna l-ipproċessar ta' data personali tal-impjegati fil-kuntest speċifiku tal-impjiegi ta' Stat Membru partikolari. F'tali każijiet, l-awtorità superviżorja għandha tgħarraf lill-awtorità superviżorja ewlenija mingħajr dewmien dwar il-kwistjoni. Wara li tiġi infurmata, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tiddeċiedi jekk hijiex ser tittratta l-każ skont id-dispożizzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u awtoritajiet superviżorja oħra kkonċernati ("il-mekkaniżmu ta' punt uniku ta' servizz"), jew jekk l-awtorità superviżorja li infurmatha għandhiex tittratta l-każ fil-livell lokali. Meta tkun qed tiddeċiedi jekk hijiex ser tittratta l-każ, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tqis jekk hemmx stabbiliment tal-kontrollur jew il-proċessur fl-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li informatha sabiex tiżgura l-infurzar effettiv ta' deċiżjoni vis-à-vis il-kontrollur jew il-proċessur. Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li tittratta l-każ, l-awtorità superviżorja li tkun infurmatha għandu jkollha l-possibbiltà li tippreżenta abbozz għal deċiżjoni, li l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tqis bl-akbar reqqa meta tkun qed tħejji l-abbozz ta' deċiżjoni tagħha f'dak il-mekkaniżmu ta' punt uniku ta' servizz.

NEW: The practical guide PrivazyPlan® explains all dataprotection obligations and helps you to be compliant. Click here!