raġuni 112
UE Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data

(112) Dawk id-derogi għandhom japplikaw b'mod partikolari għal trasferimenti ta' data meħtieġa u neċessarji għal raġunijiet importanti ta' interess pubbliku, pereżempju f'każijiet ta' skambju bejn awtoritajiet tal-kompetittività, amministrazzjonijiet tat-taxxa jew tad-dwana, bejn awtoritajiet superviżorji finanzjarji, bejn servizzi kompetenti għal kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali, jew għas-saħħa pubblika, pereżempju fil-każ ta' traċċar ta' kuntatti għal mard li jittieħed jew sabiex jitnaqqas u/jew jiġi eliminat id-doping fl-isport. Trasferiment ta' data personali għandu wkoll jitqies bħala legali fejn ikun meħtieġ għall-protezzjoni ta' interess li hu essenzjali għall-interessi vitali, inkluża l-integrità fiżika jew il-ħajja tas-suġġett tad-data jew ta' persuna oħra, jekk is-suġġett tad-data ma jkunx jista' jagħti l-kunsens. Fin-nuqqas ta' deċiżjoni ta' adegwatezza, id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru tista', għal raġunijiet importanti ta' interess pubbliku, apposta tistabbilixxi limiti għat-trasferiment ta' kategoriji speċifiċi ta' data lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali. L-Istati Membri għandhom jagħtu notifika dwar tali dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. Kwalunkwe trasferiment lil organizzazzjoni umanitarja internazzjonali ta' data personali ta' suġġett tad-data li mhuwiex fiżikament jew legalment kapaċi li jagħti kunsens, bil-ħsieb li jitwettaq kompitu dovut taħt il-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra jew li jkun hemm konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali applikabbli f'kunflitti armati, jista' jitqies bħala neċessarju għal raġuni importanti ta' interess pubbliku jew għaliex ikun fl-interess vitali tas-suġġett tad-data.

NEW: The practical guide PrivazyPlan® explains all dataprotection obligations and helps you to be compliant. Click here!