raġuni 104
UE Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data

(104) F'konformità mal-valuri fundamentali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, b'mod partikolari l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-Kummissjoni, fil-valutazzjoni tagħha tal-pajjiż terz jew ta' territorju jew settur speċifikat f'pajjiż terz, għandha tikkunsidra kif pajjiż terz partikolari jirrispetta l-istat tad-dritt, l-aċċess għall-ġustizzja kif ukoll ir-regoli u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi ġenerali u settorjali tagħha, inkluż leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà pubblika, id-difiża u s-sigurtà nazzjonali kif ukoll l-ordni pubbliku u l-liġi kriminali. L-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' adegwatezza fir-rigward ta' territorju jew settur speċifikat f'pajjiż terz għandha tieħu kont ta' kriterji ċari u oġġettivi, bħall-attivitajiet ta' pproċessar speċifiċi u l-kamp ta' applikazzjoni tal-istandards legali applikabbli u l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-pajjiż terz. Il-pajjiż terz għandu joffri garanziji li jiżguraw livell adegwat ta' protezzjoni essenzjalment ekwivalenti għal dak żgurat fl-Unjoni, b'mod partikolari fejn id-data personali tkun ipproċessata f'settur speċifiku wieħed jew aktar. B'mod partikolari, il-pajjiż terz għandu jiżgura superviżjoni effettiva u indipendenti tal-protezzjoni tad-data u għandu jipprevedi mekkaniżmi ta' kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-protezzjoni tad-data, u s-suġġetti tad-data għandhom jingħataw drittijiet effettivi u infurzabbli u rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv.

NEW: The practical guide PrivazyPlan® explains all dataprotection obligations and helps you to be compliant. Click here!