Artikolu 49
UE Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data
"Derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi"


=> raġuni: 111, 112, 113, 114, 115, 116
=> administrative fine: Art. 83 (5) lit c
1. Fin-nuqqas ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza skont l-Artikolu 45(3), jew salvagwardji xierqa skont l-Artikolu 46, inklużi regoli korporattivi vinkolanti, trasferiment jew sett ta' trasferimenti ta' data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali għandu jseħħ biss b'waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) is-suġġett tad-data jkun espliċitament ta kunsens għat-trasferiment propost, wara li jkun ġie informat bir-riskji possibbli ta' tali trasferimenti għas-suġġett tad-data minħabba n-nuqqas ta' deċiżjoni ta' adegwatezza u salvagwardji xierqa;
(b) it-trasferiment ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kuntratt bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur jew l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' qabel il-kuntratt meħuda fuq talba tas-suġġett tad-data;
(c) it-trasferiment ikun meħtieġ għall-konklużjoni jew it-twettiq ta' kuntratt konkluż fl-interess tas-suġġett tad-data bejn il-kontrollur u persuna fiżika jew ġuridika oħra;
(d) it-trasferiment ikun meħtieġ għal raġunijiet importanti ta' interess pubbliku;
(e) it-trasferiment ikun meħtieġ għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali;
(f) it-trasferiment ikun meħtieġ sabiex jiġu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuni oħra, fejn is-suġġett tad-data ma jkunx fiżikament jew legalment kapaċi li jagħti l-kunsens;
(g) it-trasferiment isir minn reġistru li skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru huwa maħsub biex jipprovdi informazzjoni lill-pubbliku u li huwa miftuħ għall-konsultazzjoni jew mill-pubbliku inġenerali inkella minn kwalunkwe persuna li tista' turi interess leġittimu, iżda biss sa fejn jiġu sodisfatti fil-każ partikolari l-kondizzjonijiet stipulati mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru għall-konsultazzjoni.
Fejn trasferiment ma setgħax ikun ibbażat fuq dispożizzjoni fl-Artikoli 45 jew 46, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar regoli korporattivi vinkolanti, u l-ebda waħda mid-derogi għal sitwazzjoni speċifika msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma tkun applikabbli, it-trasferiment ma jkunx ripetittiv, jikkonċerna biss għadd limitat ta' suġġetti tad-data, ikun meħtieġ għall-għanijiet ta' interessi leġittimi konvinċenti mfittxija mill-kontrollur li ma jingħelbux mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, u l-kontrollur ikun ivvaluta ċ-ċirkostanzi kollha madwar it-trasferiment tad-data u abbażi ta' dik il-valutazzjoni pprovda salvagwardji xierqa fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali. Il-kontrollur għandu jinforma lill-awtorità superviżorja bit-trasferiment. Il-kontrollur għandu, barra milli jipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13 u 14, jinforma lis-suġġett tad-data dwar it-trasferiment u dwar l-interessi leġittimi konvinċenti segwiti.
=> Artikolu: 39

NEW: The practical guide PrivazyPlan® explains all dataprotection obligations and helps you to be compliant. Click here!



2. Trasferiment skont il-punt (g) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għandux jinvolvi t-totalità tad-data personali jew kategoriji sħaħ tad-data personali li jinsabu fir-reġistru. Fejn ir-reġistru huwa maħsub għall-konsultazzjoni minn persuni li jkollhom interess leġittimu, it-trasferiment għandu jsir biss fuq it-talba ta' dawk il-persuni jew jekk ser ikunu r-riċevituri.
3. Il-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u t-tieni subparagrafu tiegħu ma għandhomx japplikaw għal attivitajiet imwettqa minn awtoritajiet pubbliċi fl-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi tagħhom.
4. L-interess pubbliku msemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jiġi rikonoxxut fil-liġi tal-Unjoni jew tal-Istat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur.
5. Fin-nuqqas ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza, il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru tista', għal raġunijiet importanti ta' interess pubbliku, espressament tistabbilixxi limiti għat-trasferiment ta' kategoriji speċifiċi tad-data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw tali dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
6. Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jiddokumenta l-valutazzjoni kif ukoll is-salvagwardji xierqa msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fir-reġistri msemmija fl-Artikolu 30.