Artikolu 47
UE Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data
"Regoli korporattivi vinkolanti"


=> raġuni: 110
=> administrative fine: Art. 83 (5) lit c
1. L-awtorità superviżorja kompetenti għandha tapprova regoli korporattivi vinkolanti f'konformità mal-mekkaniżmu ta' konsistenza stabbilita fl-Artikolu 63, dment li dawn:
(a) ikunu legalment vinkolanti u japplikaw għal, u jkunu infurzati minn, kull membru kkonċernat tal-grupp ta' impriżi, jew il-grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta, inklużi l-impjegati tagħhom;
(b) espressament jikkonferixxu drittijiet infurzabbli lis-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom; u
(c) jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 2.
2. Ir-regoli korporattivi vinkolanti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw tal-anqas:
(a) l-istruttura u d-dettalji ta' kuntatt tal-grupp ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta u ta' kull wieħed mill-membri tiegħu;
(b) it-trasferimenti tad-data jew is-sett ta' trasferimenti, inklużi l-kategoriji ta' data personali, it-tip ta' pproċessar u l-għanijiet tiegħu, it-tip ta' suġġetti tad-data affettwati u l-identifikazzjoni tal-pajjiż jew il-pajjiżi terzi inkwistjoni;
(c) in-natura legalment vinkolanti tagħhom, kemm internament kif ukoll esternament;
(d) l-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari l-limitazzjoni tal-għan, il-minimizzazzjoni tad-data, il-perijodi ta' ħżin limitati, il-kwalità tad-data, il-protezzjoni tad-data mid-disinn u b'mod awtomatiku, il-bażi legali għall-ipproċessar, l-ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali, il-miżuri li jiżguraw is-sigurtà tad-data, u r-rekwiżiti fir-rigward ta' trasferimenti ulterjuri lejn korpi li ma jkunux marbuta bir-regoli korporattivi vinkolanti;
(e) id-drittijiet tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar u l-mezzi għall-eżerċitar ta' dawk id-drittijiet, inkluż id-dritt li wieħed ma jkunx soġġett għal deċiżjonijiet ibbażati biss fuq ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta' profili f'konformità mal-Artikolu 22, id-dritt li wieħed iressaq ilment mal-awtorità superviżorja kompetenti u quddiem il-qrati kompetenti tal-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 79, u li wieħed jikseb rimedju u, fejn xieraq, kumpens għal ksur tar-regoli korporattivi vinkolanti;
(f) l-aċċettazzjoni mill-kontrollur jew il-proċessur stabbilit fit-territorju ta' Stat Membru tar-responsabbiltà għal kwalunkwe ksur tar-regoli korporattivi vinkolanti minn kwalunkwe membru kkonċernat mhux stabbilit fl-Unjoni; il-kontrollur jew il-proċessur għandu jkun eżentat minn dik ir-responsabbiltà, b'mod sħiħ jew parzjali, biss jekk jagħti prova li dak il-membru mhuwiex responsabbli għall-avveniment li ħoloq id-dannu;
(g) kif l-informazzjoni dwar ir-regoli korporattivi vinkolanti, b'mod partikolari dwar id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti (d), (e) u (f) ta' dan il-paragrafu tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14;
(h) il-kompiti ta' kwalunkwe uffiċjal tal-protezzjoni tad-data maħtur f'konformità mal-Artikolu 37 jew kwalunkwe persuna jew entità oħra inkarigata mill-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli korporattivi vinkolanti fil-grupp ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta, kif ukoll il-monitoraġġ tat-taħriġ u l-ġestjoni tal-ilmenti;
(i) il-proċeduri tal-ilmenti;
(j) il-mekkaniżmi fil-grupp ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta li jiżguraw il-verifika tal-konformità mar-regoli korporattivi vinkolanti. Tali mekkaniżmi għandhom jinkludu awditi tal-protezzjoni tad-data u metodi li jiżguraw azzjonijiet korrettivi għall-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data. Ir-riżultati ta' tali verifika għandhom jiġu kkomunikati lill-persuna jew l-entità msemmija fil-punt (h) u lill-bord tal-impriża ta' kontroll ta' grupp ta' impriżi jew tal-grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta, u għandhom ikunu disponibbli, fuq talba, għall-awtorità superviżorja kompetenti;
(k) il-mekkaniżmi għar-rappurtar u r-reġistrazzjoni ta' bidliet fir-regoli u r-rappurtar ta' dawk il-bidliet lill-awtorità superviżorja;
(l) il-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja biex tiġi żgurata konformità minn kwalunkwe membru tal-grupp ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta, b'mod partikolari billi jagħmel disponibbli għall-awtorità superviżorja r-riżultati ta' verifiki tal-miżuri msemmija fil-punt (j);
(m) il-mekkaniżmi għar-rappurtar lill-awtorità superviżorja kompetenti ta' kwalunkwe rekwiżit legali li għalih membru tal-grupp ta' impriżi jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta ikun soġġett f'pajjiż terz li x'aktarx jista' jkollu effett negattiv sostanzjali fuq il-garanziji previsti mir-regoli korporattivi vinkolanti; u
(n) it-taħriġ xieraq fil-protezzjoni tad-data lil persunal li jkollu aċċess permanenti jew regolari għad-data personali.
3. Il-Kummissjoni tista' tispeċifika l-format u l-proċeduri għall-iskambju ta' informazzjoni bejn kontrolluri, proċessuri u awtoritajiet superviżorji għar-regoli korporattivi vinkolanti fis-sens ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami stabbilita fl-Artikolu 93(2).


back next
BG - CS - DA - DE - EL - EN - ES - ET - FI - FR - GA - HR - HU - IT - LT - LV - MT - NL - PL - PT - RO - SK - SL - SV

Would you like to implement the EU General Data Protection Regulation step-by-step? Do you want clear explanations of specific issues and well-thought-out checklists? Do you want to ensure you are data-protection-compliant? If so the PrivazyPlan® is just what you are looking for.

© SecureDataService, Nicholas Vollmer, Priorstr. 63, D-41189 Mönchengladbach, Germany, +49 2166 96523-38, info@privazyplan.eu (siehe Impressum / Datenschutz) (05.09.2018)