Artikolu 45
UE Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data
"Trasferimenti abbażi ta' deċiżjoni ta' adegwatezza"


=> raġuni: 103, 104, 105, 106, 107
=> administrative fine: Art. 83 (5) lit c
1. Trasferiment ta' data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jista' jseħħ fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-pajjiż terz, jew territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar f'dak il-pajjiż terz, jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni tiżgura livell adegwat ta' protezzjoni. Tali trasferiment ma għandu jkun jeħtieġ ebda awtorizzazzjoni speċifika.
2. Meta tivvaluta l-adegwatezza tal-livell ta' protezzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu kont, b'mod partikolari, tal-elementi li ġejjin:
(a) l-istat tad-dritt, ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, il-leġiżlazzjoni rilevanti, kemm ġenerali kif ukoll settorjali, inkluż dwar is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà nazzjonali u l-liġi kriminali u l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data personali, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' tali leġiżlazzjoni, ir-regoli tal-protezzjoni tad-data, ir-regoli professjonali u l-miżuri ta' sigurtà, inklużi regoli għat-trasferiment ulterjuri ta' data personali lejn pajjiż terz ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali oħra li jkun hemm konformità magħhom f'dak il-pajjiż jew l-organizzazzjoni internazzjonali, preċedenti ta' ġurisprudenza, kif ukoll drittijiet tas-suġġett tad-data effettivi u infurzabbli u rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għas-suġġetti tad-data li tkun qed tiġi ttrasferita d-data personali tagħhom;
(b) l-eżistenza u l-funzjonament effettiv ta' awtorità superviżorja indipendenti waħda jew aktar fil-pajjiż terz jew li għalihom tkun soġġetta organizzazzjoni internazzjonali, bir-responsabbiltà għall-iżgurar u l-infurzar tal-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, inklużi setgħat ta' nfurzar adegwati għall-assistenza u l-għoti ta' pariri lis-suġġetti tad-data fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom u għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri; u
(c) l-impenji internazzjonali li l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata tkun daħlet għalihom, jew obbligi oħrajn li jirriżultaw minn konvenzjonijiet jew strumenti legalment vinkolanti kif ukoll mis-sehem tagħha f'sistemi multilaterali jew reġjonali, b'mod partikolari b'rabta mal-protezzjoni ta' data personali.
3. Il-Kummissjoni, wara li tivvaluta l-adegwatezza tal-livell ta' protezzjoni, tista' tiddeċiedi, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, li pajjiż terz, jew territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar f'pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali jiżguraw livell adegwat ta' protezzjoni fis-sens tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. L-att ta' implimentazzjoni għandu jipprevedi mekkaniżmu għal rieżami perjodiku, mill-inqas kull erba' snin, li għandu jieħu kont tal-iżviluppi rilevanti kollha fil-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali. L-att ta' implimentazzjoni għandu jispeċifika l-applikazzjoni territorjali u settorjali tiegħu u, fejn applikabbli, jidentifika l-awtorità jew l-awtoritajiet superviżorji msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. L-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).
4. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja fuq bażi kontinwa l-iżviluppi f'pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali li jistgħu jaffettwaw il-funzjonament tad-deċiżjonijiet adottati skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u d-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE.
5. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, fejn l-informazzjoni disponibbli tiżvela dan, b'mod partikolari wara r-rieżami msemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, li pajjiż terz, jew territorju jew settur speċifikat f'pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali ma għadux jew ma għadhiex tiżgura livell adegwat ta' protezzjoni fis-sens tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, sa fejn ikun meħtieġ, għandha tħassar, temenda jew tissospendi d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni mingħajr effett retroattiv. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2). F'każijiet imperattivi u debitament ġustifikati ta' urġenza, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jkunu immedjatament applikabbli f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 93(3).
6. Il-Kummissjoni għandha tidħol f'konsultazzjonijiet mal-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali bil-ħsieb li tirrimedja s-sitwazzjoni li twassal għad-deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 5.
7. Deċiżjoni skont il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu hija mingħajr preġudizzju għal trasferimenti ta' data personali lejn pajjiż terz, jew territorju jew settur wieħed jew aktar speċifikati f'dak il-pajjiż terz, jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni skont l-Artikoli 46 sa 49.
8. Il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-sit web tagħha lista tal-pajjiżi terzi, it-territorji u s-setturi speċifikati f'pajjiż terz u organizzazzjonijiet internazzjonali li għalihom tkun iddeċidiet li huwa jew li ma għadux żgurat livell adegwat ta' protezzjoni.
9. Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu emendati, sostitwiti jew imħassra minn Deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata f'konformità mal-paragrafu 3 jew 5 ta' dan l-Artikolu.


back next
BG - CS - DA - DE - EL - EN - ES - ET - FI - FR - GA - HR - HU - IT - LT - LV - MT - NL - PL - PT - RO - SK - SL - SV

Would you like to implement the EU General Data Protection Regulation step-by-step? Do you want clear explanations of specific issues and well-thought-out checklists? Do you want to ensure you are data-protection-compliant? If so the PrivazyPlan® is just what you are looking for.

© SecureDataService, Nicholas Vollmer, Priorstr. 63, D-41189 Mönchengladbach, Germany, +49 2166 96523-38, info@privazyplan.eu (siehe Impressum / Datenschutz) (05.09.2018)